top of page
Writer's pictureJosef Spiteri

L-Istorja tagħna

Updated: Jul 24

Sa mill-Bidu ...



L-istorja tal-Għaqda Mużżikali Immakulata Kunċizzjon tmur lura sa mill-1978. Ma' dana kollu hija storja interessanti u mportanti għall-Ħamrun.


L-Ewwel Kumitat

Fl-1978, is-Sur Anthony Borg ġieh il-ħsieb li jifforma soċjeta` tal-mużka, fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun. Għal daqstant sab xi persuni li kienu midħla sewwa tal-mużika biex jgħinuħ ħalli jkun jista` jwettaq dan il-ħsieb tiegħu. Fil-bidu tas-sena 1979, is-Sur Borg avviċina lil Maestro Carmelo Schembri u stiednu biex ikun hu l-ewwel surmast direttur tal-banda l-ġdida. Għalkemm it-tweġiba kienet fin-negattiv, Mro Schembri wiegħed li kien lest li jgħin. Saħansitra ħa l-inkarigu li jqabbad assistent surmast.


Mro. Alphons Maria Vella

Eżattament fil-festa tal-parroċċa ta' l-istess sena, waqt il-marċ li kienet qed tagħmel il-banda tal-każin San Gejtanu, fi triq il-Fatati, is-Sur Borg iltaqa ma' Maestro Alfons Maria Vella u talbu biex flimkien jgħaqqdu banda.


Is-sur Anthony Borg - Fundatur

Dan accetta u s-Sur Borg kompla jsib in-nies kemm biex jifforma il-kumitat eżekuttiv, kif ukoll biex ikabbar l-ammont ta' membri mseħbin fl-istess socjeta`.

L-ewwel laqgħa, saret nhar l-Erbgha 22 ta' Awwissu 1979, inħatar kumitat eżekuttiv b'din il-formazzjoni: President, Segretarju, Assistant Segretarju, Kaxxier, Assistant Kaxxier, Direttur Generali, Surmast Direttur, Assistant Surmast Direttur u Delegat Banda. Din il-laqgħa saret fil- “Victoria United Football Club” li kien jinsab fi Triq Barth, u li għal xi żmien il-laqgħat tal-kumitat u t-tagħlim muikali lill-allievi, baqa` jsir f'dan il-każin. F'din il-laqgħa ukoll ġew deċiżi kif għandu jkun l-isem tas-soċjeta` u l-kulur ta' l-istandard. L-isem kellu jkun “ GĦAQDA MUŻIKALI IMMAKULATA KUNĊIZZJONI ~ ĦAMRUN”, u l-istandard bil-lewn abjad, b'faxx tad-deheb fit-tarf bis-simbolu tan- “NOME DI MARIA”,fin-nofs, ukoll irrakmata b'ħajt tad-deheb. F 'din l-laqgha ntaghzlet id-data tad-29 t'Awwissu sabiex tkun Jum it-twaqqid tas-Socjeta'. Delegazzjoni ta' ħames minn nies, għamlet żjara lill-Wisq Rev. Kappillan Dun Manuel Agius, f'Awwissu ta' l-1979. Fost affarijiet oħra, tressqu għad-diskussjoni xi punti dwar is-sehem li ser ikollha il-banda fil-festa, u l-lokal addattat għat-tagħlim tal-mużika, kif ukoll ħatra ta' Direttur Spiritwali. Il-Wisq Rev. Kappillan laqa` b'approvazzjoni tad-delegazzjoni, u wiegħed li jkun ta' għajnuna fejn ikun possibbli. Fil-laqgħa li saret fid-9 ta' Settembru ta' l-1979, gie deċiż li l-Wisq Rev. Kappillan Dun Manuel Agius, jinħatar bhala President Onorarju. L-ewwel Direttur Spiritwali, kien Dun Guzepp Mifsud Bonnici. Is-Suċċessuri tiegħu kienu il-mibki Dun Manuel Agius,il-mibki Dun Nazzareno Caruana, Dun salv Borg, Fr Ivan Sant, Dun Mario Mifsud u llum bhala Direttur Spiritwali insibu lill-Wisq Rev. Kappillan Franco Fenech. Fit-23 ta' Novembru 1979, inħatar bħala Konsulent Legali l-Avukat Dr. Farrugia Sacco LLD, li wara li għamel xi żmien f'din il-kariga sar President. Wara nsibu, lill-Avukat Dr. Dominic A. Cassar LLD, bħala Konsulent Legali, li ukoll għamel xi żmien President tas-soċjeta`.

Wara perjodu ta' ftit xhur, il-kumitat beda jaħseb biex isib lokal, u kera garaxx, fi Triq Kanonku Bonnici. Minn hemm sab post ieħor fi Triq Guze` Pace, li mill-ewwel żmienijiet kienet ukoll il-Banka tal-Lottu tal-Każin tagħna, u li s'issa għadħa tintuża tale a kwale`. Wara ftit żmien il-“Victoria United Football Club”, talbu lill-kumitat, biex is-soċjeta` tal-mużika tingħaqad ma' dik tal-Victoria, u l-laqgħat jerġgħu jibdew isiru fil-każin tal-futbol. Din il-proposta ġiet milqugħa u b'hekk saret amalgamazzjoni bejn iż-żewg każini. Pero dan il-pass ma tantx dam wisq, peress li kien hemm xi membri li xtaqu jkunu ndipendenti, avolja il-banka ma kienitx post kbir.


F'dan il-perjodu, il-banda kienet mistiedna biex iddoqq il-Ħamrun għal diversi okkażżjonijiet, wara anke` f'irħula, bhal Bidnija, Ħad-Dingli, Balluta, Santa Venera, M'Xlokk u Birkirkara.


Il-lokal dejjem kien problema, u l-kumitat dejjem ħarstu biex isib post addattat, u fl-1981, l-Għaqda xtrat post ġo Triq Villambrosa, li fiħ għamilna xi sentejn biex wara nxtara post fi Triq Kappillan Mifsud. Illum ergajna iċċaqlaqna, dan billi għamilna akkwist ta' post fi Pjazza Kappillan Muscat li infetaħ uffiċjalment fl-2004.

Fis-sena 1985 Mro John Ivan Borg inhatara bhala Assisstent Surmast tal-Banda. Is-surmast Alfons Maria Vella kellu jħalli il- kariga tiegħu għall raġunijiet personali fil-1986 u floku inħatar bħala Surmast Direttur il- Maġġur John Ivan Borg li għadu jokkupa din il- kariga b’għożża sal ġurnata tal-lum. Fl-istess sena (1986) Mro. Philip Schembri inhatar bhala assistent Surmast u ghalliem tal-muzika.


Kellna diversi okkażżjonijiet bhall-Akkademja Muziko Letterarja, li saret fil-Knisja Parrokkjali nhar is-26 ta' Mejju 1993 fl-okkażżjoni ta' l-25 Sena mit-Twaqqif tal-Parroċċa. Għal din l-okkażjoni nkiteb u żżanżan Innu Solenni bl-Isem “Innu Solenni lill-Immakulata Kunċizzjoni” jew aħjar mgħaruf bħala l-Innu l-Kbir. Il-mużika tiegħu kitibha Mro Lawrence Borg filwaqt li l-versi huma ta’ Patri Mario Azzopardi. Dan l-innu intlaqa tajjeb immens mill-pubbliku u fiħ kien jinkludi l-kor tal-Parroċċa, U zewġ vuċijiet dik tat-tenur dik tal-Baxx. Ftit żmien wara kellna l-opportunita li ntellu Programm Mużikali fit-Teatru Manoel, fl-okkażżjoni tal-Festi ta' Santa Cecilja, Padruna tal-Mużiċisti. Din saret nhar is-27 ta' Novembru 1993, taħt il-patroċinju Distint tal-Eċċ. Tiegħu Ċensu Tabone (President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien). Dan il-kunċert ukoll kien suċċess u ntlaqa tajjeb ħafna min nies preżenti u tal-Eċċ tiegħu l-President Innifsu. Fis- sena 1993 waqt laqgħa ġenerali ġie propost li l-istandard tal- każin ma jibqax dak abjad iżda jinbidel għall-lewn ċilesti bin- “nome di maria”, sehebina fin-nofs. Hekk kif għadu l-istandard tal-banda tagħna sal-lum il-ġurnata.


Irridu bilfors insemmu illi għalkhemm is-soċjeta tagħna hija waħda żagħżugħa, biss dejjem kienet lesta u dejjem kienet minn ta quddiem sabiex tieħu sehem f attivitajiet u servizzi organizzati min għaqdiet oħra ukoll. Hekk per eżempju nistaw nsemmu s- sehem fl-attivitajiet organizzati mill-Kumitat Festi Nazzjonali li kienu bosta f'diversi snin wara xulxin. Parteċipazzjoni fil festi ċentinarji tas soċjeta mużikali San Ġuzepp tal- Ħamrun fl-1989. Sellimna lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II meta ġie Malta l-ewwel darba, b'marċ ġdejn l-alloġġ tiegħu. Tajna s-sehem tagħna fil-ġirja ta' l-Olimpjadi fl-okkazzjoni tal-logħob tal-Pajjiżi iż-żgħar f'Mejju tal-1993, u ċċelebrajna bis-sħieħ mal-Ħamrun Spartans, fir-rebħ tal-Kampjonat tal-Futbol, u aktar tard fiż-żmien, għat-tlugħ fil-Premier tal-Ħamrun Spartans.


Fl-1996, daqqejna fil-Festi ta' Għeluq tad-90 sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, fil-Ħamrun. Fl-istess sena twaqqfet il-Kummissjoni Partitarju fi hdan l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni li xogħolha kien dak sabiex jiżdied l-briju u l-orgniżżazzjoni tal-marċijiet fit-toroq. L-ewwel sorpiża kienet l-arma li saret fil-kartapesta mill-aħwa Josef u Simon Spiteri.


1997 Il-kummisjoni Partitarji tgħamel it-tieni sorpriza, il-bandalora il-kbira u l-umbrella l-kbira.



Fl-1998 il-kummissjoni partitarji tidħol ghall-proġett kbir iehor, l-imrewħa l-kbira.





Fl-1999 f’għeluq il-ħames sena tat-twaqqif tal-Kummissjoni Partitarji s-sur Josef Spiteri ġie kkummisjonat statwa ta’ Anġlu fil-kartapesta. Dan kellu jirrappreżenta lill-banda bl-istrumenti u bandiera tal-każin. Din ġiet inawgurata fil-marċ tal-Ħamis tal-istess sena, mħallsa u rregalata mill-istess Skultur. Ix-xogħol fuq il-pedestall tagħha sar mis-sur Lewis Bezzina fuq disinn tal-istess Josef Spiteri.




Daqqejna diversi drabi fir-residenza ta' San Vincenz De Paule, Luqa biex inferrħu lir-residenti, u aktar tard f'Marzu tal-2001 għal-Ftuħ Uffiċċjali tas-Serenity Wards.


Daqqejna għall-ewwel Parata tal-Baned għall-Karnival 2001, fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun, bis-sehem ta' diversi baned f'Malta u barra minn Malta. Is sehem fiċ ċentinarju tal- għaqda tal- mużika san gejtanu fl-2006 kif ukoll is- sehem fil-parata tal baned għall ċmien il karnival organizzat mill kunsill lokali mill 2016 sal llum il ġurnata. Dan kollu apparti s-servizzi tal-Banda tagħna fil-festa tal-Parroċċa, li issa ħadu posthom sewwa fil-Kalendarju tagħna u qatt ma morna lura min dak li bdejna.



Għall-aħħar ta` Settembru 2001, sar ix-xiri tal-Każin il-ġdid, wara li konnna ilna ninnegozjaw kif nistgħu nsibu post aktar addattat u f’pużizzjoni aktra attrejenti. Il-kuntratt sar f'nofs in-nhar, u kienu preżenti, President is-sur Salvinu P. Zammit , is-Segretarju s-sur Lewis Bezzina, il-Kaxxier is-sur Edward Scerri, l-Avukat tas-Soċjeta’ Dr Domenic Cassar LLD u n-Nutar Edward Flores, flimkien man-Nutar tal-bank u l-bejjiegħa. B’hekk issa l-każin kien ser ikun fil-Pjazza Prinċipali tal-Parroċċa eżatt f’5 Pjazza Kappillan Muscat, u għall-ewwel darba fl-istorja tal-każin għandna każin li għandu fuq u isfel u qiegħed fil-qalba tal-parroċċa.


Il-Kumitat tagħna reġa' mexa biċċa oħra, meta nhar il-Ħamis 11 ta' April 2002, f'nofs in-nhar sar il-kuntratt tal-bejgħ tal-każin l-antik (fi Triq Kappillan Mifsud). Issa b'hekk ukoll stajna naqgħtu ftit mis-somma tad-dejn li għamilna biex stajna nixtru l-Każin il-ġdid fi Pjazza Kappillan Muscat.


Għall-iffirmar tal-Kuntratt kienu preżenti l-President is-sur Salvino P.Zammit, Segretarju s-sur Lewis Bezzina u l-Kaxxier is-sur Edward Scerri u l-Avukat Dr. Domenic Cassar LLD, għall-banda u tlett persuni bħala x-xerrejja, flimkien man-Nutar tal-bank u dak tax-xerrejja. Fl-1 t'Awissu 2002 dħalna fil-Każin il-ġdid.

Il-Kumitat tagħna reġa' mexa biċċa oħra, meta nhar il-Ħamis 11 ta' April 2002, f'nofs in-nhar sar il-kuntratt tal-bejgħ tal-każin l-antik (fi Triq Kappillan Mifsud). Issa b'hekk ukoll stajna naqgħtu ftit mis-somma tad-dejn li għamilna biex stajna nixtru l-Każin il-ġdid fi Pjazza Kappillan Muscat. Għall-iffirmar tal-Kuntratt kienu preżenti l-President is-sur Salvino P.Zammit, Segretarju s-sur Lewis Bezzina u l-Kaxxier is-sur Edward Scerri u l-Avukat Dr. Domenic Cassar LLD, għall-banda u tlett persuni bħala x-xerrejja, flimkien man-Nutar tal-bank u dak tax-xerrejja. Fl-1 t'Awissu 2002 dħalna fil-Każin il-ġdid.


F'Jannar ta' l-2003, beda ix-xogħol fuq l-ewwel fażi, minn proġett akbar ta' rikostruzzjoni tal-każin il-ġdid. Minnufiħ inbeda x-xogħol strutturali li kien hemm bżonn biex nagħtuħ sura aktar ta’ każin, fosthom jinfetħu diversi ħitan, jsiru żewġ turġien ġodda jinbena wara biex nużaw kemm jista’ jkun spazju possibbli u issir faċċata ġdida fis-sular t’isfel. Dan ix-xogħol fi ftit żmien irnexxielu jitlesta sabiex jkun lest għall-festa. Dan ix-xogħol kien lest sa Lulju 2003 u l-każin kien miftuħ għall-pubbliku.


Il-każin il-ġdid infetaħ uffiċjalment fid-29 t'Awwissu tal-2004 mill-Eċċ Tiegħu President tar-Repubblika l-Professur Guido de Marco bil-kxif tal-lapida kommemorattiva u tberik tagħħa mill-kappillan tal-parroċċa, Dun Nazzareno Caruana. Il-ftuħ sar f'għeluq il-25 Anniversarju mit-twaqqif tas-soċjeta`, u dan, wara xhur sħaħ ta' xogħol strutturali fosthom it-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-parti ta' wara tal-każin, il-bini ta' sala mdaqqsa u kamra għall-kumitat fis-sular ta' fuq, flimkien ma' kamra fuq il-bejt. Din kienet l-ewwel fażi tal-proġett tat-tisbiħ tal-każin tas-soċjeta`. Għal dan il-għan il-kumitat ħass li dan l-avveniment jibqa imfakkar b'mod dinjituż u għalhekk fassal programm ta' attivitajiet sabiex jibqa imfakkar. Fost l-attivitajiet kien hemm, il-ftuħ tal-każin il-ġdid mill-President Emeritus Prof. Guido de Marco, Riċevimenti għall-membri, għaqdiet fil-Ħamrun u oħrajn barra l-lokal u benefatturi tas-soċjeta`, quddiesa ta' radd il-ħajr fil-parroċċa tagħna u tberik ta' bandiera ġdida li ttellet mal-arblu tal-bejt tal-każin.




Is-sena 2006 tibqa titfakkar minħabba li l-Kummissjoni Partitarji għalqet 10 snin mit-twaqqif tagħħa. Għalhekk il-kummissjoni stess ħasbet biex taħdem fuq proġett ieħor dak tal-Bandiera (is-sekonda) u fuq C.D. b'marċi popolari. Mro. Anthony Carbonaro nghaqad mal-Banda Kuncizzjoni, bhala Assistent Surmast Direttiur wara li sena qabel(2005) Mro Philip Schembri spicca minn Assistent Surmast Direttur u ghalliem tal-qazba, tal-banda.



Ftit taż-żmien wara l-kumitat nhieda t-tieni fażi tal-proġett tal-każin. Dan inbeda ftit xhur qabel il-festa tal-2007. Fost l-affarijiet li saru kien hemm il-bdil tas-sistema tal-elettriku u ta' l-ilma. Sar ukoll il-kisi, it-tikħil u t-tibjid tal-lokal, kif ukoll inbidlet is-sistema sanitarja. B'dan kollu ma kienx ifisser illi l-proġett kien lest għaliex kien għad fadal ħafna x'isir.



F'Diċembru 2007, ilqajna fostna l-Eċċ. Tiegħu l-Arcisqof ta' Malta Mons. Pawl Cremona fejn wara li kellna ċ-ċerimonja ta' egħluq l-40 sena mill-parroċċa tagħna ħuwa ġie jżur il-każin tagħna. Ħuwa ħallilna l-kappa tiegħu bħala rikordju li tinsab ġewwa l-każin u ffirmalna l-ktieb tal-viżitaturi wara li dawwarnieħ ftit mal-bini tal-każin.


Għall-festa tal-2008 il-kumitat tal-banda flimkien mal-Kummissjoni Partitarji, ħaseb sabiex jibda l-proġett tat-tiżjin tal-faċċata tal-każin għal matul il-ġranet tal-festa tal-parroċċa. Matul dik is-sena sar dawl ġdid, sabiex imbagħad sena wara dan il-proġett kien inawgurat bil-kxif tal-faċċata lesta bid-drapp dekorattiv, waqt ċerimonja mill-isbaħ nhar it-2 ta' Lulju 2009 waqt l-ewwel Programm Vokali u Strumentali li qatt sar mill-banda fl-okkażjoni tal-festa u li beda jsir quddiem il-Każin ta’ kull sena. Id-disinn u l-isfurmar saru mis-sur Josef Spiteri filwaqt li l-ħjata saret kollha mis-sinjura Carmen Spiteri. B'hekk il-faċċata ġiet imżejna kif jixraq għall ġranet tal-festa tagħna.

Naturalment ta' kull sena ma tonqosx il-parteċipazzjoni tal-banda matul il-festa tal-parroċċa b'numru ta' marċijiet matul il-ġimgħa. Matul il-ġimgħa tal-festa l-banda tagħmel numru ta' marċi brijużi, fosthom dak tal-ġimgħa, tas-Sibt filgħaxija, sabiex imbagħad il-qofol jintlaħaq bil-marċ kbir u brijuż tal-Ħadd filgħodu, nhar il-festa. Għal xi żmien il-banda tagħna kienet tieħu sehem b’marċ li jakkumpanja l-purċissjoni tal-madonna immexxija mit-tfal tal-parroċċa ukoll, li imbagħad tħalla l-post sabiex aktra tard fis-sena 2018 bdiet tiġi akkumpanjata mill-banda tal-1st Ħamrun Scouts.


Matul l-2009 nbdiet it-tielet fażi tat-tisbiħ tal-każin. Ix-xogħol kien jinkludi fost l-oħrajn il-bdil tas-soqfa tal-kamra tal-kumitat u parti mis-sala ta' fuq u t-twaħħil ta' numru ta' linef dekorattivi ma` l-istess saqaf. Saret ukoll gallerija tal-injam ġdida mal-faċċata. Saru wkoll il-kisi tat-turġien bl-irħam u l-puġġamani. Barra minn hekk saru purtieri ġodda għall-kamra tal-kumitat u għas-sala ta' fuq u kwadri ġodda. Għawnhekk inbeda x-xogħol fuq l-inventarju tal-mużika kollha li tinsab fil-każin, u l-konservazzjoni tal-istrumenti tal-mużika u tad-dokumenti ufficjali.



Fl-2009 ġie ċċelebrat bil-kbir it-30 anniversarju tat-twaqqif tas-soċjeta`. Nhar id-19 ta' Ġunju saret l-inawgurazzjoni tas-Sala Immakulata Kunċizzjoni mill-ex-kappillan u ex-Direttur Spiritwali tas-soċjeta, il-Wisq Rev. Mons. Guzepp Mifsud Bonnici u t-tberik ta' lapida kommemorattiva mill-kappillan tal-parroċċa l-Wisq Rev. Dun Salv Borg. Imbagħad nhar it-2 ta' Lulju, għall-ewwel darba, sar kunċert vokali u strumentali quddiem il-każin u nħadem fetaure bl-isem "30 Sena", filmat storiku dwar it-30 sena tal-banda tagħna, b’narrazzjoni tas-sur Ray Azzopardi u direzzjoni tas-sur Josef Spiteri. Ridna li jkollna tifkira ta’ dawn l-ġrajjiet u b’hekk inkiteb Innu Popolari “Żommna miegħek lkoll taħt mantarek”, lirika tassew sabiħa tal mibki s-sur Sunny Aqulina u Mużika tas-surmast Direttur il- Maġġur John Ivan Borg. Dan l-innu indaqq għall-ewwel darba f’dan il-kunċert li ntlaqa tajjeb mill-pubbliku in ġenerali u minn dak iż-żmien baqa l-ħsieb li jibqa` jsir ta' kull sena. Wara saret l-inawgurazzjoni tal-faċċata tal-każin imżejna bi drapp dekorattiv u ħruq tal-kaxxa tal-kulur minn fuq il-bejt tal-każin. Saret esebizzjoniji b'numru sabiħ ta' standardi ta' diversi każini tal-baned. Din l-esebizzjoni kienet inawgurata nhar it-28 t'Awwissu mis-Segretarju Parlamentari Mario De Marco, u damet miftuħa sal-Ħadd 30 t'Awwissu. Is-Sibt 29 t'Awwissu tħawwlu żewġ siġriet kommemorattivi, waħda fi Ġnien Turu Lentini sabiex tfakkar lill-mibki Frans Bezzina, ex-kaxxier tas-soċjeta` u oħra fi Pjazza Kappillan Muscat sabiex tikkommemora t-30 anniversarju tas-soċjeta’. Imbagħad dakinhar fis-6.30pm ġiet iċċelebrata quddiesa ta' ringrazzjament għal dak kollu li seħħ minn kemm ilha mwaqqfa l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni. Ġie mitbugħ ukoll statut għall-membri kollha tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni. Dan l-anniversarju ngħalaq bl-attivita` “Lejl tal-Milied fil-Ħamrun”, li b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali saret għall-ewwel darba, attivita` Soċjo-kulturali fil-pjazza ta' quddiem il-każin fl-okkażżjoni tal-festi tal-Milied. Ma din l-attivita` kien hemm ukoll marbuta Wirja Marjana u oġġetti konnessi mal-Milied, fejn fost l-oħrajn ittella’ presepju ħaj bil-parteċipazzjoni ta’ diversi membri tal-każin.


F'Marzu 2010 saret l-ewwel wirja tal-Ġimgha Mqaddsa fil-każin tagħna. Din kienet tinkludi żewg settijiet ta' Vari tal-Ġimgha l-Kbira u oġġetti konnessi ma' dawn iż-żminijiet. Tnieda wkoll għall-ewwel darba l-Konkors ta' Poeziji għat-tfal tal-iskejjel Ħamrunizi u oħrajn, fejn kellna parteċipazzjoni sabiħa ta’ tfal li kitbu poeżijji sbieħ. Dawn ġew magħżulin u minn ġurija ndipendenti u professjonali. F'Mejju 2010 ħadna sehem bil-brassband tagħna, fil-ftuħ Uffiċjali mill-ġdid tal-ġnien Oreste Kirkop, fil-Ħamrun. Attivita li kienet organizzata mill-Kunsill Lokali Hamruniż. Ħadna sehem fic-ċelebrazzjonjiet ta' Jum il-Ħamrun f’Mejju tal-isetss sena w f'dan ix-xahar ukoll tajna bidu għax-xogħol fuq l-irħam tat-turġien tal-każin. Issa dawn il-proġetti huma lesti u għalhekk komplejna nagħlqu u nsebħu l-każin. Komplejna narmaw l-każin b’vetrina għall-istrumenti fil-kamra tal-kumitat. Din saret tal-kewba bl-arma skulturata fil-panew ta' taħt u ġabret l-istrumenti kollha li jinsabu fil-każin. Dawn iż-żewġ proġetti ġew inawgurati mill-President tal-Għaqda nhar il-Ħamis 17 ta' Ġunju 2010 waqt riċeviment fil-każin għall-membri. Il-Wisq Rev. Kappillan Dun Salv Borg bierek dawn il-proġetti. F'dan ir-riċeviment tħabbar ukoll ir-riżultat tal-konkors tal-poezija għat-tfal li sar għall-ewwel darba fil-każin tagħna. Is-sena 2010 ġabet magħħa proġett ieħor li sar b'ħidmet il-kumitat ħabrieki. Qed nirreferi għall-puġġaman tat-taraġ t'isfel. Dan sar mid-ditta Dragon Forge ta' Ta Qali u tweħħel f'Novembru 2010.

Moħħna qatt ma waqaf u f’dik is-sena dħalna għall-proġett ieħor, din id-darba fuq skala Nazzjonali. Qef nirreferi għall-attivita` “Fil-Ħlewwa ta' Mejju Festival ta' Fjuri Arti u Kultura”, li saret nhar il-Ħadd 29 ta' Mejju 2011 fil-Ħamrun. Bis-sehem tagħna u b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali Ħamruniz tellgħajna din l-attivita`, fejn bejn l-10am u s-6pm il-familji kollha kellhom ċ-ċans jirrilassaw u joħorġu filwaqt li jduqu ftit mill-Arti, Kultura u ovvjament stalls tal-ikel u xorb u divertiment ieħor. Fost dawn ma naqsux l-fjuri u pjanti li kienu wkoll t-tema tas-suġġet tagħna. Saret ukoll kompetizzjoni għall-isbaħ bukket bil-fjuri, kif ukoll l-isbaħ faċċata tad-dar imżejna. Ħadu sehem ukoll il-baned l-oħra tal-Ħamrun kif ukoll entitajiet oħra fosthom l-Għaqda Dilettanti mudelli tal-Knejjes, l-Hobbies Society, l-1st Ħamrun Scouts flimkien mal-girl guides u oħrajn.

Il-festa tal-2011 kienet ikkarratteriżżata mir-riforma li għamilna fir-rotot tal-Marċijiet tagħna. Dan kien possibbli wkoll għas-sehem tal-Kummissjoni Festa. Apparti l-marċijiet tal-Ħamis, l-Ġimgħa, s-Sibt u l-Ħadd filgħhodu, erġajna proponejna l-Kunċert Vokali u Strumentali nhar il-Ħamis 30 ta' Ġunju 2011, quddiem il-każin tagħna li din is-sena kellna 3 anniversarji x’niċċelebraw, l-10 snin presidenza tas-sur Salvinu P.Zammit, il-15 -il sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Partitarji u l-25 sena tas-Surmast Direttur tal-banda l-Maġġur John Ivan Borg. Matul l-istess sena ukoll sar xogħol estensiv fuq il-kolonna tal-anġlu tal-banda fejn wara li ġiet xkatlata u rrestawrata sew, din ġiet irħamata mis-sur Ray Galea u ssebbħet bi skultura ġdida, xogħol is-sur Josef Spiteri. L-istatwa tal-Anġlu wkoll ġiet restawrata mill-istess skultur. Wieħed setgħa jara din il-kolonna fil-jiem tal-festa.

Fl-2012 il-Laqgħa Ġenerali Annwali ma baqgħetx ssir f'Settembru iżda imxiet għall-Jannar. Konsegwentament il-Laqgħa Ġenerali Elettiva wkoll tressqet għal Jannar, u dan biex niġu konformi mas-sena kalendarja.

Is-sena 2012 beda x-xogħol fuq l-anniversarju tal-Knisja liema Anniversaju ridna b'saħħa niċċelebrawħ kif jixraq. 50 sena mill-bini tal-knisja, 25 sena mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja u 20 sena minn meta l-Innu il-Kbir ndaqq għall-ewwel darba. Bi pjaċir u wara ħafna kuntatti rnexxilna nakkwistaw kopja tal-Kantata lill-Marija Immakulata tal-Ex-Surmast Direttur tas-Soċjeta` tagħna Mro Alphons Maria Vella, li huwa stess kien kiteb fl-okkażżjoni tal-ħames sena mit-twaqqif tas-soċjeta. Huwa stess ppreżenta kopja tal-kantata lill-każin, waqt laqgħa kordjali ħafna.

Is-sena 2013 komplejna fuq ix-xogħol li kellna programmat biex infakkru l-anniversarji li kellna, għal dan il-għan il-Kumitat Eżekkuttiv flimkien mal-Wisq Rev. Kappillan u l-Kleru u l-Kummissjoni Festa qbilna sabiex intellgħu Akkademja Mużiko-letterarja fil-Knisja Parrokjali fil-Ġimgħa tal-Festa. Din l-Akkademja kellha l-isem ta' "Ħallina Ninsġulek dan l-Innu sabiħ", b'referenza għall-Innu l-Kbir jew aħjar Innu Solenni lill-Immakulata Kunċizzjoni kitba ta' Mro Lawrence Borg u Versi ta' Patri Mario Azzopardi, li wkoll fis-sena 2013 għalaq 20 anniversarju minn mindu ndaqq għall-ewwel darba, f'akkademja ohra biex niċċelebraw il-25 anniversarju tal-Parroċċa. F'din l-Akakdemja li saret nhar il-Ħamis 4 ta' Lulju 2013, fit-8pm indaqqu diversi biċċiet mużikali popolari bis-sehem tal-bandisti, is-sopran Rosabelle Bianchi, it-Tenur Joseph Aquilina u l-Baxx Albert Buttigieg. Ma dawn ingħaqdu wkoll il-Pipers tal-iscouts tal-Ħamrun, l-Marsa u l-Free lancer s-sur Charles Giacomotto. Apparti dawn ħa sehem ukoll il-Kor Parrokjali mmexxi minn Mro Francis Pace. Saru xi preżentazzjonijiet fosthom, il-każin ippreżenta Sett bnadar għall-Quddiem il-knisja u l-Knisja preżentat Labarda Ġdida għall-Istandard tas-soċjeta`. Ovvjament ma naqsux li jinagħatw tokens lill-Persunġġi li ħadu sehem fl-akkademja. L-Akkademja kellha l-Preżentazzjoni tas-sur Ray Azzopardi li kienet l-aħħar dhera tiegħu bħala preżentatur u l- mibki Xandar Charles Abela Mizzi li qara partijiet mill-istorja tal-Knisja tagħna.


F'Lulju 2013 beda x-xogħol fuq l-35 Anniversarju tal-Każin, liema anniversarju xtaqna li niċċelebrawħ ukoll kif jixraq. Għalhekk bdejna naħsbu sabiex minn Settembru 2013 sa Dicembru 2014 l-każin ikollu diversi attivitajiet fosthom għall-membri mejtin, ikliet, wirjiet u ohrajn. Fl-14 t’April tellajna Kunċert ta Mużika Sagra bl-isem ta’ “Lacrimosa”, fil-Knisja tal-Franġiskani fil-Ħamrun. Dan biex niċċelebraw magħħom il-35 anniversarju tal-każin kif ukoll il-100 sena minn meta il-provinċja Franġiskana Maltija nqatet minn dik tal-Italja. Matul il- festa tal- 2014 apparti l-marċijiet brijjużi tagħna iżżanżnet kanzunetta oriġinali, biex tibqa timmarka dan l-avveniment tal-35 anniversarju. Din il- kanzunetta ġiet introdotta għall-pubbliku, nhar il-Ħamis 3 ta’ Lulju 2014, waqt il-kunċert anwali tal-każin. Il-kanzunetta hija xogħol ta’ Mro Ray Sciberras filwaqt li l-lirika għal darb’oħra ġiet fdatha f’idejn il mibki Sunny Aqulina, bis-sehem tal-kantanti Amber u Fabrizio Faniello. Dan il-kunċert kellu l-patroċinju tal-Eċċ. Tiegħu Ray Azzopardi, Ambaxxatur ta’ Malta fil-Belgju li minn naħa tiegħu irregala lis-soċjeta’ standard talu-Unjoni Ewropeja.


F’Ottubru 2014 il-kumitat ħaseb biex itella’ Wirja ta’ Arti bl-Isem “Bejn Sagru u Profan”. Din il-wirja ġiet mtella’ bl-għajnuna tas- segretarju parlamentarli l-Onorevoli Owen Bonnici bis-sehem tal-artsiti: Josef Spiteri, Silvio Pace, il-mibki Renzo Gauci, Antonio Mifsud kif ukoll Paulo Camilleri Cauchi. Din kienet inawgurata mill-Wisq Rispettabli Sindku Vince Bonello u mbierka mill-Kappillan tal-Parroċċa.


Fis- sena 2015 is- soċjeta’ tagħna ġiet mistiedna sabiex tieħu sehem permezz ta’ marċ brijuż fil-festa tat-tfal tal-Appostlu missierna San Pawl fil-Belt Valletta. Fis-sena 2015 ukoll ġie mtella’ l-ewwel kunċert bi kwintett, bl-isem ta’ “Seba kelmiet”, fil-knisja parrokjali tal- Immakulata Kunċizzjoni. F’Diċembru tal-istess sena, ġie approvat statut ġdid waqt laqgħa ġenerali straordinaja, statut li juri s-serjeta’ u l- viżjoni ta’ din is-soċjeta’.


Fis-sena 2016, il-banda tagħna reġgħet ġiet mistiedna sabiex tipparteċipa fil- festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Din id-darba mhux għall-festa tat-tfal biss iżda ukoll għall-programm nhar il- festa filgħaxija. Fl-2016 reġgħa ġie organiżżat il-karnival tal-Ħamrun fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Għalhekk il-bandisti tagħna lebsin ta’ Indjani ħadu sehem fl-isfilata u parata tal-baned f’dan il-karnival. Għall żmien il-Gimgħa l-Kbira ġie mtella l-ewwel kuncert funebri fl-istorja tas-soċjeta tagħna ġewwa l-knisja tal-Franġiskani fil-Ħamrun.


Għall-festa tal-2017 ġiet mżanżna antiporta ġdida fis-sular t’isfel li tifred l-ewwel kamra tal-kazin minn mal-bar. Il- banda tagħna reġgħet ġiet mistiedna sabiex tagħmel marċ fil-festa tat-tfal fil-Belt Valletta kif ukoll programm nhar il-festa filgħaxija. Fis-sajf ukoll ġejna mistiedna sabiex nieħdu sehem ukoll fil-festi ċentinarji ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Għall-festa tal- 2017 bi qbil mall-kummisjoni festa kif ukoll mal-kurja, ġiet mistiedna is-Socjeta Muzikali Sant Antnin sabiex taghmel marc nhar l-Erbgha l-ewwel jum tat-Tridu. Fil- bidu tas sena 2018 ġiet regalata vetrina ġdida għall-arkivju tal- mużika minn numru ta’ dilettanti u ammiraturi tal- banda. Fi Frar apparti s- sehem tagħna fil-karnival tal-Ħamrun, ħadna sehem ukoll fil- festa tat-tfal fil- Belt Valletta fl-okkazjoni tal-festa ta’ San Pawl kif ukoll bhala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ uffiċjali tal-V18, Belt Kapitali Ewropeja. Għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira wkoll, apparti kwintett ta’ mużika sagra bl-isem ta’ “7 mixjiet imnikkta”, li ttellat fil-Knisja Parrokjali tal- Kuncizzjoni, giet organiżżata wirja ta’ statwi u vari tal-Ġimgha l-Kbira, wara nuqqas ta’ diversi snin. F’Mejju l- banda tagħna ġiet mistiedna sabiex tagħmel marċ u programm fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant Antnin f’ Birkirkara. F’Diċembru 2018 propju nhar il-Ħadd 2 ta’ Diċembru il-banda tagħna akkumpanjat l- vara artistika tagħna mall-ħrug tal- purċissjoni mill-Knisja Parrokjali ta’ San Gejtanu, għall-Knisja Parrokjali tagħna. Il-marċ beda minn quddiem il- każin fl-10 u nofs ta’ filgħodu u mexa lejn il-knisja parrokjali ta’ San Gejtanu fejn minn hemmhekk f’xemx tiżreġ ħarġet issebbaħ it-toroq tal-Ħamrun il-padruna taghna l-Immakulata Kunċizzjoni, Omm il-Ħamruniżi kollha. Il-banda tagħna akkumpanjat il-vara artistika madwar it-toroq taż-żewg parroċċi. Għal ħabta ta’ Nofsinhar il- vara daret issellem lill-każin fil-pjazza f’din l-okkażjoni storika mad-daqq tal-Innu Marċ sabieħ tagħna tal-mibki Mro Alfons Maria Vella. Jum storiku mnaqqax ġewwa qalbna b’ittri tad-deheb. Ma setgħax jkollna bidu isbaħ għal dan l-anniversarju hekk importanti tal- 40 sena mit-twaqqif tal-każin, permezz ta’ din l- purċissjoni. Fl-2018 il-kummissjoni partitarji ħadet ħsieb li żżejjen u ssebbaġ l-Umbrella l-kbira.


Is- sena 2019, is- sena tal- 40 anniversarju tghat bidu permezz tal-laqgħa generali f’Jannar. Matul din il-laqgħa s-sur Josef Spiteri ippreżenta lis-soċjeta’, il-logo uffiċjali li jfakkar dan l-avveniment, tal-40 anniversarju, kif ukoll disinn propost ta’ fontuspizju ġdid għall-każin, li numru sabieħ ta’ ammiraturi għoġobhom jħallsu u jirregalaw lis-soċjeta’ tagħna f’din is-sena speċjali. Fi Frar erġajna ħadna sehem fil-karnival organiżżat mill-Kunsill Lokali. Għal żmien il-Ġimgħa l Kbira reġgħet itellat wirja bl-għajnuna tal-artisti Josef Spiteri, Ramon Camilleri Mc Kay u Adonai Camilleri Cauchi, flimkien ma numru sabieħ ta’ soċi tal-banda taghna li sellfuna xi materjal u esebiti oħra. Ġie mtella t-tieni kunċert funebri mis-soċjeta’ fil-knisja ta’ San Franġisk taħt id- direzzjoni tal- assistent surmast direttur Mro Anthony Carbonaro. F’Mejju ġejna mistiedna mill-Kunsill Lokali Ħamruniż, sabiex nanimaw l-attivita’ permezz ta programm varjat li ferrah lin nies prezenti, fl-okkażjoni tal-ftuħ mill-ġdid ta’ Pjazza Kappilan Muscat. Fl-istess attivita’ sar il-kxif tal-monument tal-Immakulata Kunċizzjoni. F’Ġunju wkoll erġajna ġejna mistednin sabiex nagħmlu marċ u programm fil-festa ta’ Sant Antnin f’Birkirkara.


Is-sena 2020 kienet karatterizzata mill-pandemija tal-Covid'19, izda il-kumitat xorta kompla bil-hidma tieghu biex jsebbah u jirranga l-kazin. Matul il-partial lockdown xorta hassejna l-bzonn li nibqghu niltaqghu u ghalhekk kellna diversi laqghat on line permezz ta’ ZOOM. Iddecidejna li nuzaw dan iz-zmien sabiex naggornaw l-insurance tal-Kazin fejn issa ghandna polza gdida li tkopri anke lil terzi persuni (Third Party Liability) u kif ukoll l-apparat kollu li ghanda fil-każin, mobbli u mmobbli, inkluz l-instrumenti. Applikajna u gejna mghotija il-fondi sabiex nibdnu website gdida ghall-kazin permezz ta' Fondi mill-Agenzija Zghazagh u l-Ghaqda Kazini tal-Banda. Gie pjanat programm ta’ rinnovar fosthom tibjid, tiswija tal-aperturi u l-gallarija, raff fil-kamra ta’ fuq il-bejt,


Bqajna ghaddejjin u bis-sahha ta' Fondi ohra rnexxielna nahdmu u nghamlu progetti ohra. Fost l-ohrajn fl-2021, flimkien mal-Kunsill Lokali Hamruniz hrigna Innu Popolari bl-isem ta' Tihfir lejk Immakulata fuq versi ta' Anselm Sciberras u Muzika ta' Mro Ray Sciberras. Il-Kantanta Ghawdxija Francesca Borg kantat il-versi. Dan l-innu sar sabiex jibqa kommemorat il-100 anniversarju mil-bidu tal-Kult Marjan lejn l-Immakulata Kuncizzjoni fil-Hamrun. Saret hidma wkoll fuq madum gdid ghall-kamra tal-kumitat, li gie mhallas mill-membri tas-socjeta`, installazzjoni ta’ Panelli fotovoltajiċi fuq il-bejt u magħhom applikazzjoni lill-Awtorita tal-Ippjanar mill-Ministeru tal-Energija u ambjent, u nstallazzjoni ta’ stair lift mis-sular terren għas-Sala, grazzi ghall-fondi mill-Ministeru ghall-Inkluzjoni, Kwalita' tal-Hajja u Organizzazzjonijiet Volontarji.




Ma dawn ukoll tajna service lill-fire extinguishers u twehlu f’post prominenti u aċċessibbli fil-kazin. Sar tibjid tal-kazin kollu grazzi ghad-donazzjonijiet tal-Wisq Rispettabbli Sindku tal-Pieta' Keith Tanti. Sar Seminar ta' nofs ta' nhar mill-ghaqda taghna bis-sehem ta' diversi ghaqdiet mhxu governattivi fil-Hamrun. Dan Sar nhar is-Sibt 27 ta' Novembru 2021 fis-sala Parrokjali. Dr Noel Camilleri, President tal-ghaqda Kazini tal-Banda u Chairmen ghall-Organizzazzjonijet Volontarji fahhar hafna x-xoghol tal-kumitat, fejn stqar li ghalkemm socjeta' zghazugha, li "issa wasal iz-zmien li ma nibqghux nsejhulha zghira", u steiden lill-ghaqdiet l-ohra sabiex jikkuppjaw hidmet is-socjeta taghna.





Applikajna u hadna fodni mill-Ministeru tal-Kultura u Organizzazzjonijiet Volontarji sabiex nidhlu ghall-progett ambizzjuz, dak ta' Plancier Gdid ghas-socjeta`. Id-disin sar mis-sur Josef Spiteri. Il-hadid tieghu huwa mahsub li jkun lest sal-festa 2022 u jizzanzan fil-kuncert annwali tal-festa. Gie ukoll varat il-logo ghall-45 aniversarju tas-socjeta taghna.





Saret Akkademja Muzikali b'differenza nhar l-4 ta' Dicembru 2021 fil-Knsija Parrokjali tal-Imamkulata Kuncizzjoni sabiex infakkru il-mitt sena mill-kult Marjan fil-Hamrun. Din l-Akkademja kellha partecipazzjoni ta' Muzicisti b'dizabilita` fejn fost l-ohrajn inaghataw cc-ans li jdoqqu mal-banda taghna. Apaprti hekk Mikhail Spiteri (alliev) inhatar bhala bandist tal-post fl-istess serata. L-Ecc. Taghha Dr Marie Louise Coleiro Preca kellha kliem ta' tifhir ghal din l-attivita` u stiednet lill-Kumitat sabiex jkun wiehed minn ta' quddiem sabiex jghati opportunita` u jahdem mill-qrib maghha u mal-iskola tal-Muzika F'Villa Biancha.


Zgur li l-hidma ma tieqafx hawn u ser inkomplu nahdmu ghall-aktar.



Log tal-45 Anniversaju, mahdum mill-Artist Ghawdxi Manwel Grech


Avvenimenti ohra matul is-snin ricenti tas-Socjeta':



Hawnhekk tgħajna ħarsa ħafifa lejn l-istorja tas-soċjeta tagħna. Episodji li żgur jagħmluna kburin bil-passat tagħna, u ohrajn li jsahhuna ghall-futur. Memorji li zgur ma jintesew qatt. Grazzi lil dawk kollha li matul is-snin kienu jiffurmaw parti min din is-soċjeta’, izda b’qalb tad-deheb. Grazzi lill-padruna tagħna, l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ dawn is-snin kemm ilha mwaqqfa din is-soċjeta’, li hija l-unika waħda li ġġib isimHa f’pajjiżna. Grazzi lil missirijietna li waslu lill-banda sal-ġurnata tal-lum. Il-futur ta’ din is- soċjeta’ hu f’idejna... J’Alla dan iż-żmien sabiħ ikompli jqanqal fina emozzjoni u aktar imħabba lejn din il-banda, biex inkunu aktar inklussivi u aktar innovattivi.


Viva l-banda Kunċizjoni.

Banda INNOVATTIVA - Banda INKLUSSIVA



72 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


bottom of page